Help us make the FRA website better for you!
Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
Qafas għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-UE
Il-Konvenzjoni hija għodda b’saħħitha biex tgħin lill-persuni b’diżabilità, lill-komunitajiet lokali u lill-gvernijiet jesploraw modi biex jissodisfaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità billi jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri legali, politiċi u prattiki.
Sabiex jiġi żgurat li dawn l-isforzi jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni u huma implimentati b’mod effettiv u effiċjenti, l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) jirrikjedi li l-istati partijiet għall-konvenzjoni jistabbilixxu qafas biex jippromwovu, jipproteġu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tas-CRPD.
Bħala parti mis-CRPD, l-UE fasslet tali qafas għal kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-UE, fosthom:
- Il-leġiżlazzjoni u l-politika tal-UE: in-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-finanzjament tal-UE, eċċ.
- L-amministrazzjoni pubblika tal-UE: l-għażla tal-persunal, l-aċċess għal dokumenti, eċċ.
Il-Qafas tal-UE jikkomplementa l-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ, li huma responsabbli għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD fl-Istati Membri tal-UE.
Il-Qafas beda jopera fl-2013, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni li kienet approvata mill-Kunsill tal-UE fl-2012.
Min huma l-membri?
Il-Qafas tal-UE huwa magħmul minn:
- Il-Parlament Ewropew
- L-Ombudsman Ewropew
- L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
- Il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF)
Il-Kummissjoni Ewropea kienet membru tal-Qafas tal-UE sal-aħħar tal-2015, meta ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirtira wara l-pubblikazzjoni tal- Osservazzjonijiet Konklużivi dwar l-UE mill-Kumitat tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità (il-Kumitat CRPD). Wara din it-tħabbira, il-Kummissjoni Ewropea ma baqgħetx tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Qafas tal-UE.
X’jagħmlu l-membri?
Skont il-kompetenzi u l-mandati rispettivi tagħhom, il-membri jikkontribwixxu kollettivament għall-
tal-implimentazzjoni tas-CRPD mill-UE.
Il-Qafas tal-UE jikkontribwixxi wkoll b’mod attiv għar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-UE tas-CRPD mill-Kumitat tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità (il-Kumitat CRPD). Il-Kumitat CRPD, l-hekk imsejjaħ “korp tat-trattat” għas-CRPD, huwa responsabbli biex jivvaluta jekk il-partijiet għall-konvenzjoni humiex qegħdin jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt is-CRPD.
L-ewwel rieżami tal-implimentazzjoni tal-UE tas-CRPD saret fl-2015; wara l-ewwel rieżami, il-Kumitat CRPD ħabbar li t-tieni u t-tielet rieżamijiet ser isiru flimkien mill-2020.
Din kif taħdem fil-prattika?
Il-membri jikkondividu informazzjoni u jqisu l-attivitajiet ta’ xulxin. Huma jiftiehmu dwar programm ta’ ħidma li jista’ jinkludi attivitajiet implimentati minn diversi membri flimkien jew mill-Qafas kollu kemm hu.
Il-President tal-Qafas tal-UE jinħatar għal sena u huwa soġġett għal sistema ta’ rotazzjoni. Il-President jippromwovi l-prinċipju ta’ kolleġġjalità li huwa inerenti għall-metodi ta’ ħidma tal-Qafas. Attwalment, l-Ombudsman huwa l-President tal-Qafas.
Is-Segretarjat tal-Qafas tal-UE, li jinħatar ukoll għal sentejn, jikkoordina l-organizzazzjoni u t-tħejjija tal-laqgħat. Bħalissa l-FRA hija s-Segretarjat tal-Qafas.
- Dispożizzjonijiet operazzjonali (ir-rwoli tal-President u tas-Segretarjat, il-metodi ta’ ħidma)
Il-Qafas tal-UE jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens.
Oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ
Il-Qafas tal-UE jikkomplementa l-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri tal-UE li huma responsabbli għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell nazzjonali. Huma jistgħu jieħdu diversi forom u jkunu magħmulin minn diversi organizzazzjonijiet, bħal:
- korpi nazzjonali tal-ugwaljanza,
- Ombudspersons,
- Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
- kumitati ta’ monitoraġġ bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ikkonċernati bid-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Il-Qafas tal-UE jaħdem biex isaħħaħ is-sinerġiji mal-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ. Pereżempju, dan jiltaqa’ kull sena mar-rappreżentanti tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri tal-UE biex jikkondividi l-informazzjoni u jikkoordina l-attivitajiet.
Netwerks ta’ monitoraġġ
Uħud mill-membri tal-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ jikkooperaw fil-livell Ewropew:
- Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-Netwerk Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħaqqad l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li huma parti mill-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ. Diversi membri tal-Qafas tal-UE – l-Ombudsman Ewropew, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità – għandhom status ta’ osservaturi;
- Equinet, in-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza, jgħaqqad flimkien aktar minn 40 organizzazzjoni li għandhom is-setgħa li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fuq firxa ta’ raġunijiet inkluża d-diżabilità, mit-28 Stat Membru kollha tal-UE kif ukoll mill-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, in-Norveġja u s-Serbja;
- In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jikkonsisti f’aktar minn 95 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew. Uħud mill-membri tiegħu jaġixxu bħala korpi ta’ monitoraġġ għall-Konvenzjoni tan-NU.