Help us make the FRA website better for you!

Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.

YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED

L-Istati Membri tal-UE

Il-FRA taħdem mal-Istati Membri kollha tal-UE biex tgħin fit-titjib tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livelli nazzjonali u lokali.

Bandiera tal-UE

L-assistenza u l-għarfien espert ipprovduti mill-aġenzija jgħinu lill-Istati Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Dan jikkumplimenta l-kooperazzjoni tal-aġenzija mal-istituzzjonijiet tal-UE.

Sabiex tiġi ggarantita relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib mal-FRA, kull Stat Membru jaħtar uffiċjal tal-gvern li jaħdem direttament mal-FRA bħala Uffiċjal ta’ Kollegament Nazzjonali.

L-Uffiċjali ta’ Kollegament Nazzjonali (NLOs) huma l-punti prinċipali ta’ kuntatt għall-aġenzija fl-Istati Membri. L-iskambju kontinwu u l-laqgħat regolari jgħinu sabiex tinħoloq sħubija ta’ ħidma b’saħħitha li tiggarantixxi li l-informazzjoni tiġi kondiviża u li l-ħtiġijiet nazzjonali jiġu rikonoxxuti u indirizzati.

L-NLOs għandhom l-opportunità li jippreżentaw opinjonijiet dwar l-abbozzi tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-FRA. Dan jagħti lill-aġenzija fehim akbar tat-tip ta’ analiżi tad-drittijiet fundamentali u assistenza li l-Istati Membri għandhom bżonn sabiex ifasslu politika infurmata. L-aġenzija tinforma regolarment lill-NLOs dwar is-sejbiet tar-riċerka, rapporti u attivitajiet li ġejjin, filwaqt li l-NLOs jipprovdu feedback dwar l-espedjenza u r-rilevanza tal-ħidma tal-aġenzija. L-NLOs jgħinu wkoll biex jikkomunikaw il-ħidma tal-FRA lill-ministeri, lid-dipartimenti u lill-korpi governattivi nazzjonali rilevanti.

Minn Ottubru 2017, il-Maċedonja ta’ Fuq tipparteċipa fil-ħidma tal-FRA bħala osservatur. Minn Lulju 2018, is-Serbja tipparteċipa fil-ħidma tal-FRA bħala osservatur.

Il-kooperazzjoni tal-proġett

Il-FRA żżomm kuntatt regolari mal-esperti tal-gvern fl-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u torganizza laqgħat magħhom fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi. Din il-kooperazzjoni tippermetti lill-aġenzija sabiex tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-prattikanti u tal-uffiċjali li huma responsabbli mis-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fil-livelli kollha tal-gvern.

Pereżempju, bħala parti mill-proġett tagħha dwar ir-Rom, l-aġenzija qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE biex tiżviluppa metodi li jkejlu l-progress fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE kollha. F’qasam ieħor, il-FRA tiġbor evidenza ta’ kemm id-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneri huma rispettati fl-UE biex tgħin lill-gvernijiet jiżviluppaw politiki f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba orjentament sesswali.

Kuntatt:

nlo@fra.europa.eu