Help us make the FRA website better for you!

Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.

YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED

In-NU, l-OSKE u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

L-Aġenzija tikkoopera man-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Din il-kooperazzjoni tifforma parti mir-Regolament ta' Twaqqif tal-FRA u tinkludi konsultazzjonijiet esperti, konferenzi u seminars kif ukoll il-kondiviżjoni tad-'data' u tal-informazzjoni. Il-kooperazzjoni toħloq sinerġiji u tottimizza r-riżorsi sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol. Din tgħin ukoll biex tiżgura li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet differenti tikkomplementa lil xulxin, sabiex ir-rakkomandazzjonijiet u l-pariri jkunu aktar allinjati.

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-FRA ma’:

In-Nazzjonijiet Uniti

L-Aġenzija tikkoopera ma’ firxa wiesgħa ta’ korpi tan-NU. Pereżempju, din tiġbor sejbiet immirati mill-Istati Membri tal-UE u tippreżentahom lill-korpi tat-trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU u proċeduri speċjali. Din tikkontribwixxi wkoll għall-proċess tar-Rieżami Perjodiku Universali tan-NU.

Il-FRA tiltaqa’ regolarment mal-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), l-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), kif ukoll il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), il-Fond tan-NU għat-Tfal (UNICEF), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

L-iffukar tal-ħidma tal-FRA fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) jistabbilixxu miri ta’ żvilupp globali għall-perjodu 2015–2030. Dawn jissostitwixxu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, li koprew mill-2000 sal-2015. Ikkoordinati min-NU, is-17-il SDG jistabbilixxu l-qafas għal ħafna mill-iżvilupp u l-kooperazzjoni multilaterali tad-dinja. It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-SDGs, filwaqt li torbothom mal-Artikoli l-aktar rilevanti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Din tagħti wkoll eżempji ta’ proġetti relatati tal-FRA.

Għodod li jorbtu l-SDGs mal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem:

L-Istati u s-soċjetà ċivili, iżda wkoll entitajiet bħal korporazzjonijiet, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-SDGs. L-isforzi fil-bidu tal-perjodu 2015–2030 jiffukaw fuq il-forniment ta’ data għall-230 indikatur, organizzati skont 169 mira u s-17-il SDG. Il-FRA qed tikkontribwixxi għal dan billi taħdem mal-Eurostat biex tforni l-indikaturi fil-livell tal-UE u billi tikkontribwixxi għal konsultazzjonijiet metodoloġiċi fil-livell tan-NU.

Fl-10 ta’ Diċembru 2018, in-NU qed tfakkar is-70 sena anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem permezz tal-kampanja mqassma fuq perjodu ta’ sena Stand up for human rights (Iddefendi d-Drittijiet tal-Bniedem).

L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa

Il-FRA tikkoopera mill-qrib mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), speċjalment l-Uffiċċju tagħha għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR). Dan jinkludi attivitajiet konġunti fl-Istati Membri tal-UE.

Eżempji ta’ din il-kooperazzjoni jinkludu:

Il-ġlieda kontra reati ta’ mibegħda

Il-FRA u l-ODIHR jaħdmu flimkien biex jgħinu lill-istati jirreġistraw u jiġbru data dwar ir-reati ta’ mibegħda. Dawn jorganizzaw flimkien workshops nazzjonali li jipprovdu assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tal-ġustizzja kriminali. Din l-inizjattiva segwiet it-tnedija tal-Practical Guide on Hate Crime Data Collection and Monitoring (Gwida Prattika dwar il-Ġbir u l-Monitoraġġ ta’ Data dwar ir-Reati ta’ Mibegħda) tal-ODIHR fl-2014. L-ODIHR jipparteċipa wkoll fis-Sottogrupp dwar il-metodoloġiji għar-reġistrazzjoni tad-data dwar ir-reati ta’ mibegħda, li tikkoordina il-FRA.

Il-kxif tal-firxa tal-vjolenza kontra n-nisa

L-istħarriġ dwar il-vjolenza kontra n-nisa tal-FRA sar sors ta’ data affidabbli u komparabbli dwar il-firxa, in-natura u l-konsegwenzi tal-vjolenza kontra n-nisa fl-Istati Membri tal-UE. It-Taqsima tal-Ġeneru tas-Segretarjat tal-OSKE nediet stħarriġ dwar il-Benesseri u s-Sigurtà tan-Nisa simili bbażat fuq l-istħarriġ tal-FRA. Dan ikopri għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE fl-Ewropa tax-Xlokk, fl-Ewropa tal-Lvant u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar. Il-FRA pprovdiet pariri tekniċi matul l-istħarriġ tal-OSKE - l-ewwel riżultati huma mistennija fl-2019.

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika ta’ persuni b’diżabilità

Il-FRA hija parti mill-grupp ta’ esperti tal-ODIHR dwar il-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-ħajja politika u pubblika. Dan il-grupp jagħti pariri lill-ODIHR dwar kwistjonijiet relatati mad-diżabilità u żviluppi rilevanti fi Stati parteċipanti differenti tal-OSKE. Il-grupp iltaqa’ l-ewwel darba fi Skopje fit-22 ta’ Ġunju 2017.

Il-FRA tikkoopera wkoll mill-qrib mal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali (HCNM) tal-OSKE.

Organizzazzjonijiet Internazzjonali Oħra

Barra minn hekk, l-Aġenija tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) u entitajiet oħra b’karattru internazzjonali, b’mod partikolari l-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja.

L-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja L-Aġenzija tikkoopera mal-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja bħala sieħeb strateġiku fil-protezzjoni, fil-promozzjoni u fit-twettiq tad-drittijiet fundamentali. Il-kooperazzjoni għandha l-għan li tappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti fi Stati Membri magħżula tal-UE li huma ffinanzjati mill-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja. Din għandha wkoll l-għan li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tappoġġa inizjattivi tas-soċjetà ċivili relatati.

L-Aġenzija hija waħda minn tliet Organizzazzjonijiet Sħab Internazzjonali (IPOs), li jappoġġaw l-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja fil-livell strateġiku, biex jiġi żgurat li l-programmi u l-proġetti jkollhom standards Ewropej u internazzjonali.

Il-FRA tikkoopera mal-Għotjiet bi tliet modi differenti:

  1. Bħala IPO, l-Aġenzija tagħti pariri u tipparteċipa f’diversi mill-programmi tal-Għotjiet, jiġifieri fiċ-Ċekja dwar “Id-Drittijiet tal-Bniedem, l-Inklużjoni tar-Rom u l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza bbażata fuq il-Ġeneru” u fil-Greċja dwar “L-inklużjoni u l-awtonomizzazzjoni tar-Rom).
  2. Bħala sieħba għal proġetti internazzjonali fuq livell ta’ proġett, inkluż fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja u fil-Greċja.
  3. Kooperazzjoni u komunikazzjoni strateġika dwar avvenimenti relatati mad-drittijiet fundamentali tal-UE, bħall-konferenza konġunta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE u l-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja, kull meta l-Presidenza tal-UE ssir minn wieħed mill-istati benefiċjarji tal-Għotjiet. L-Għotjiet huma wkoll sieħeb strateġiku tal-Forum tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali, u jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-parteċipazzjoni tad-delegati u għall-parteċipazzjoni fil-Bord Konsultattiv tal-Forum. 

L-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja huma l-kontribut tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-Ewropa u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali ma’ 15-il stat benefiċjarju.

Sir af aktar dwar l-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja fil-filmat hawn taħt: 

Il-Portal tad-data tal-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja.