Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED
Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, jekk tgħix f’wieħed mill-Istati Membri, jew jekk tmexxi negozju fl-UE, id-dritt tal-Unjoni jagħtik għadd ta’ drittijiet.
Il-protezzjoni tal-individwi kontra l-ksur tad-dritt tal-Unjoni hija primarjament kwistjoni għall-oqfsa nazzjonali ta’ monitoraġġ u l-qrati. Bħala tali, jekk inti tħoss li dawn id-drittijiet ma ġewx irrispettati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-ewwel għandek tiddiskuti l-kwistjoni mal-korpi nazzjonali.
Madankollu, jekk il-każ tiegħek jikkonċerna kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli direttament għas-sitwazzjoni tiegħek, l-UE jaf tkun tista’ tgħinek ukoll.
Il-membri tal-Qafas tal-UE bħall-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew jistgħu jieħdu azzjoni.
Il-petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew huma mezz siewi għaċ-ċittadini biex jiksbu seduta formali mill-istituzzjonijiet tal-UE, fejn jistabbilixxu rabta diretta bejnhom u r-rappreżentanti eletti tagħhom. Huma jistgħu jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-Parlament għall-ksur jew l-implimentazzjoni mhux korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa responsabbli għall-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew.
L-Ombudsman Ewropew tinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Dawk l-individwi li jemmnu li istituzzjoni tal-UE ma tkunx qiegħda taġixxi skont is-CRPD għandhom id-dritt li jirrikorru għas-servizzi tal-Ombudsman sabiex ifittxu rimedju.
L-Ombudsman Ewropew ittrattat ilmenti relatati mad-diżabilità li jirrelataw mal-aċċessibbiltà tal-bini tal-istituzzjonijiet tal-UE, interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali f’avvenimenti, l-aċċessibbiltà ta’ materjal fuq siti web, u pretensjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa magħmula mill-membri tal-persunal tal-UE li għandhom tfal b’diżabilità.
Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tirrisjedi fi Stat Membru, inti tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew. Negozji, assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn b’uffiċċju reġistrat fl-Unjoni jistgħu wkoll jilmentaw mal-Ombudsman.
L-Ombudsman ippubblikat ukoll, l-ewwel verżjoni ta’ spjegazzjoni faċli biex tinqara tax-xogħol tagħha f’24 lingwa u kif għandu jitressaq ilment.
Il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF) jipprovdi informazzjoni lil persuni b’diżabilità jekk huma jħossuhom diskriminati fl-esperjenzi individwali tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni tal-amministrazzjonijiet responsabbli kif ukoll tal-pubbliku ġenerali dwar dawn.
L-EDF jipprovdi wkoll assistenza fil-proċess li jfittex rimedju permezz ta’ interventi ta’ parti terza lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Inti tista’ tikkuntattja wkoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tilmenta dwar kwalunkwe miżura (liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva), nuqqas ta’ miżura jew prattika minn Stat Membru li inti taħseb li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
Jekk inti m’intix espert fid-dritt tal-Unjoni, inti tista’ ssib diffikultà biex issir taf eżattament liema dritt inti taħseb li nkiser. Inti tista’ tieħu parir malajr u b’mod mhux formali mis-servizz Pariri tal-Ewropa Tiegħek, fil-lingwa tiegħek stess.
Barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet tiegħek huma protetti mill-kostituzzjoni u mid-dritt ta’ pajjiżek.
Jekk inti tħoss li d-drittijiet tiegħek inkisru f’kuntest mhux kopert mid-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità nazzjonali rilevanti, kemm jekk ikun il-gvern, il-qrati nazzjonali jew korp speċjalizzat tad-drittijiet tal-bniedem.
L-Għodda interattiva ta’ ċarezza tista’ tgħinek issib l-organizzazzjoni t-tajba biex tgħinek bil-problemi tad-drittijiet fundamentali tiegħek.