Id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi fit-teknoloġija l-kelma `korrispondenza` ġiet sostitwita b' `komunikazzjonijiet`.
Skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu ta' dan id-dritt huma l-istess bħal dawk ta' l-Artikolu korrispondenti tal-KEDB. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b'mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuq dan id-dritt huma l-istess bħal dawk permessi mill-Artikolu 8 tal-KEDB:
`1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, tal-familja tiegħu, ta' daru u tal-korrispondenza tiegħu.
2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor.`