Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED
Libertajiet
Artikolu 7 - Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja
Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u talkommunikazzjonijiet tagħha.
Id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB. Sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi fit-teknoloġija l-kelma `korrispondenza` ġiet sostitwita b' `komunikazzjonijiet`.Skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu ta' dan id-dritt huma l-istess bħal dawk ta' l-Artikolu korrispondenti tal-KEDB. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b'mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuq dan id-dritt huma l-istess bħal dawk permessi mill-Artikolu 8 tal-KEDB: `1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, tal-familja tiegħu, ta' daru u tal-korrispondenza tiegħu. 2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor.`