Il-paragrafu 1 huwa ispirat mill-Artikolu 13 tat-Trattat KE, issa ssostitwit bl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 14 tal-KEDB u l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina fir-rigward tal-wirt ġenetiku. Safejn jikkorrispondi ma' l-Artikolu 14 tal-KEDB, japplika b'mod konformi miegħu.
Ma hemm ebda kontradizzjoni jew inkompatibbiltà bejn il-paragrafu 1 u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonamwent ta' l-Unjoni Ewropea li għandu kamp ta' applikazzjoni u għan differenti: l-Artikolu 19 jagħti s-setgħa lill-Unjoni li tadotta atti leġislattivi, inkluża l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri, biex tiġġieled ċerti forom ta' diskriminazzjoni li huma elenkati b'mod eżawrjenti f'dak l-Artikolu. Tali leġislazzjoni tista' tkopri l-azzjoni ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri (kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn individwi privati) fi kwalunkwe qasam fil-limitu tal-kompetenzi ta' l-Unjoni. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 21(1) ma toħloq ebda setgħa li jiġu adottati liġijiet ta' anti-diskriminazzjoni f'dawn l-oqsma ta' azzjoni mill-Istati Membri jew azzjoni privata, u lanqas ma tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali ta' diskriminazzjoni f'oqsma tant vasti bħal dawn. Fil-fatt, għandha x'taqsam biss mad-diskriminazzjoni mill-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni, meta jeżerċitaw il-kompetenzi mogħtija mit-Trattati, u mill-Istati Membri, biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Għalhekk, il-paragrafu 1 la jestendi l-medda tal-kompetenzi mogħtija taħt l-Artikolu 19 u lanqas l-interpretazzjoni ta' dak l-Artikolu.
Il-paragrafu 2 jikkorrispondi għall-Artikolu 18(1) tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jiġi applikat b'mod konformi ma' dak l-Artikolu.