Help us make the FRA website better for you!

Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.

YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED

eu-charter

EU Charter of Fundamental Rights

Titolu II.

Libertajiet

  • Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

  • Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta' darha u talkommunikazzjonijiet tagħha.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

    2. Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

    3. L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

  • Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta' familja huma ggarantiti skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon. Dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li juri r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, waħdu jew ma' oħrajn, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

    2. Id-dritt għall-oġgezzjoni ta' kuxjenza hu rikonoxxut, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.

    2. Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni f'kull livell, b'mod partikolari fil-qasam politiku, tat-trade unions, u ċiviku, li jimplika d-dritt ta' kull persuna li tifforma trade unions flimkien ma' oħrajn u li tissieħeb magħhom għall-protezzjoni ta' l-interessi tagħha.

    2. Il-partiti politiċi fil-livell ta' l-Unjoni jikkontribwixxu għall-espressjoni tar-rieda politika taċċittadini ta' l-Unjoni.

  • L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.
    2. Dan id-dritt jinkludi l-possibbilità li wieħed jirċievi edukazzjoni obbligatorja bla ħlas.
    3. Il-libertà li jiġu mwaqqfa stabbilimenti ta' tagħlim b'rispett għall-prinċipji demokratiċi kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jiżguraw l-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal tagħhom, skond it-twemmin reliġjuż, filosofiku u pedagoġiku tagħhom għandhom jiġu rispettati, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' din il-libertà u dan id-dritt.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.
    2. Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru.
    3. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta' l- Unjoni.

  • Il-libertà ta' l-intrapriża skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.

  • 1. Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.
    2. Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.

  • Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b'rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat- 28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal- 31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus ta' refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (hawn aktar 'il quddiem "it-Trattati").

  • 1. It-tkeċċijiet kollettivi huma pprojbiti.
    2. Ħadd ma jista' jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun suġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti.

Titolu II.

Libertajiet