Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED
Ġustizzja
Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta' l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.
1. Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi. 2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.
1. L-ebda persuna m'għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m'għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli. 2. Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-proċess u l-piena ta' persuna ħatja ta' att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, kien jew kienet reat skond il-prinċipji ġenerali rikonoxxuti mill-komunità tan-nazzjonijiet. 3. Is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.
L-ebda persuna ma tista' terġa' tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b'sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.