Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED
Dispożizzjonijiet generali
Artikolu 51 - Kamp ta' applikazzjoni
1. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta' l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati. 2. Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l- Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati..
L-iskop ta' l-Artikolu 51 huwa li jiddetermina l-istess kamp ta' applikazzjoni tal-Karta. Huwa intiż sabiex jistabbilixxi b'mod ċar li l-Karta tapplika primarjament għall-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Din id-dispożizzjoni kienet abbozzata skond l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jobbliga lill-Unjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u skond il-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew ta' Kolonja. It-terminu `istituzzjonijiet` huwa rikonoxxut fit-Trattati. L-espressjoni `korpi u aġenziji` hija użata komunement fit-Trattati sabiex tirriferi għall-awtoritajiet kollha stabbiliti mit-Trattati jew mil-leġislazzjoni sekondarja (ara, per eżempju, l-Artikolu 15 jew 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea). Fir-rigward ta' l-Istati Membri, joħroġ b'mod ċar mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali definit f'kuntest ta' l-Unjoni jorbot biss lill-Istati Membri meta dawn jaġixxu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni (is-sentenzi tat- 13 ta' Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra 1989, p. 2609); tat- 18 ta' Ġunju 1991, ERT (C-260/89), Ġabra 1991, p. I-2925) u tat- 18 ta' Diċembru 1997, Annibaldi (C-309/96, Ġabrap. I-7493). Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat din il-każistika kif ġej: `Barra minn hekk, ta' min ifakkar li r-rekwiżiti li jemanaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema legali Komunitarja jorbtu wkoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw ir-regoli tal-Komunità...` (sentenza tat- 13 ta' April 2000, Karlsson u oħrajn (C-292/97, Ġabra 2000, p. I-2737, punt 37)). Mingħajr dubju, din ir-regola, kif asserita f'din il-Karta, tapplika għall-awtoritajiet ċentrali kif ukoll għall-korpi reġjonali u lokali, u għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, meta dawn jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Il-paragrafu 2, flimkien mat-tieni sentenza tal-paragrafu 1, jikkonfermaw li l-Karta ma jistax ikollha l-effett li testendi l-kompetenzi u l-kompiti mogħtija mit-Trattati lill-Unjoni. Hawnhekk qiegħed isir aċċenn espliċitu għall-konsegwenzi loġiċi tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u tal-fatt li l-Unjoni għandha biss dawk il-kompetenzi mogħtija lilha. Id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti fl-Unjoni ma għandhom l-ebda effett ħlief fil-kuntest tal-kompetenzi ddeterminati mit-Trattati. Konsegwentement, l-obbligu, skond it-tieni sentenza tal-paragrafu 1, ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni li jippromwovu l-prinċipji stipulati fil-Karta, jista' jeżisti biss fil-limiti ta' dawn l-istess kompetenzi. Il-paragrafu 2 jikkonferma wkoll li l-Karta ma jistax ikollha l-effett li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l-Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet din ir-regola fir-rigward tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti bħala parti mil-liġi ta' l-Unjoni (is-sentenza tas- 17 ta' Frar 1998, Grant (C-249/96, Ġabra 1998, p. I-621, punt 45). Huwa għalhekk ovvju, skond din ir-regola, li r-referenza għall-Karta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi interpretata bħala li, bis-saħħa tagħha stess, testendi l-medda ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala l-`implimentazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni` (fis-sens tal-paragrafu 1 u tal-każistika imsemmija hawn fuq).