Take part in a one-to-one session and help us improve the FRA website. It will take about 30 minutes of your time.
YES, I AM INTERESTED NO, I AM NOT INTERESTED
Libertajiet
Artikolu 11 - Il-libertà ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni
1. Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.
2. Il-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu rrispettati.
1. L-Artikolu 11 jikkorrispondi għall-Artikolu 10 tal-KEDB li jinqara kif ġej: `1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà li jkollu opinjoni u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u mingħajr ma jittieħed kont ta' fruntieri. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi Stati milli jeħtieġu liċenzi għax-xandir, televiżjoni jew impriżi ċinematografiċi. 2. L-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet, billi jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista' jkun suġġett għal dawk il-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika, fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, integrità territorjali jew sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, għall-protezzjoni tar-reputazzjoni jew drittijiet ta' ħaddieħor, biex jiġi evitat il-kxif ta' informazzjoni riċevuta b'sigriet, jew biex tiġi miżmuma l-awtorità u l-imparzjalità tal-ġudikatura.` Skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-ambitu ta' dan id-dritt huma l-istess bħal dawk garantiti mill-KEDB. Il-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqu, għalhekk, ma jistgħux jeċċedu dawk previsti fl-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni li tista' tiġi imposta mil-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-Unjoni fuq id-dritt ta' l-Istati Membri li jintroduċu l-arranġamenti dwar l-għoti ta' liċenzji imsemmija fit-tielet sentenza ta' l-Artikolu 10(1) tal-KEDB. 2. Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jgħid b'mod ċar liema huma l-konsegwenzi ta' paragrafu 1 fir-rigward tal-libertà tax-xandir. Hu bbażat b'mod partikolari fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-televiżjoni, b'mod partikolari fis-sentenza tagħha tal- 25 ta' Lulju 1991, Stichting Collectieve Antennevoorziening Gouda u oħrajn (C-288/89, Ġabra p. I-4007), u fuq il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat KE u issa mat-Trattati, u fuq id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (ara partikolarment is-sbatax-il premessa tagħha).